It-Tnejn, 10 taʼ Novembru
“Aċċertaw ruħkom minn kollox.”—1 Tess. 5:21.
Il-kelma bil-Grieg għal “aċċertaw” kienet tintuża biex tiddeskrivi l-mod kif in-nies jittestjaw affarijiet bħad-deheb u l-fidda biex ikunu ċerti li mhumiex foloz. Allura aħna rridu nittestjaw dak li nisimgħu jew naqraw biex naraw jekk hux veru. Dan se jkun iktar importanti għalina iżjed ma nersqu qrib iż-żmien taʼ tbatija kbira. Minflok ma nemmnu kulma nisimgħu, aħna naħsbu sew u nqabblu dak li naqraw jew nisimgħu ma’ dak li tgħid il-Bibbja u l-organizzazzjoni taʼ Ġeħova. Jekk nagħmlu hekk m’aħniex se nemmnu l-gideb tad-demonji. (Prov. 14:15; 1 Tim. 4:1) Aħna nafu li n-nies taʼ Ġeħova bħala grupp se jsalvaw miż-żmien taʼ tbatija kbira (mit-tribulazzjoni l-kbira). Imma ma nafux x’se jiġri lil kull wieħed minna b’mod individwali. (Ġak. 4:14) Però jekk nibqgħu leali, kemm jekk ngħaddu miż-żmien taʼ tbatija kbira u kemm jekk immutu qabel, Ġeħova se jippremjana bil-ħajja taʼ dejjem. Ejja nibqgħu ffokati fuq it-tama sabiħa li għandna u nkunu lesti għall-jum taʼ Ġeħova! w23.06 13 ¶15-16
It-Tlieta, 11 taʼ Novembru
Hu rrivela l-ħaġa kunfidenzjali tiegħu lill-qaddejja tiegħu.—Għam. 3:7.
Ma nafux kif se jitwettqu xi profeziji tal-Bibbja. (Dan. 12:8, 9) Imma għax ma nafux eżatt kif se jitwettqu xi profeziji, ma jfissirx li dawn mhux se jiġru. Aħna nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jgħinna nifhmu dak li għandna bżonn fil-ħin eżatt, bħalma għamel fil-passat. In-nazzjonijiet dalwaqt se jgħidu “paċi u sigurtà.” (1 Tess. 5:3) Imbagħad, il-gvernijiet tad-dinja se jattakkaw lir-reliġjon falza u jeqirduha. (Riv. 17:16, 17) Wara se jattakkaw lill-poplu t’Alla. (Eżek. 38:18, 19) Imbagħad l-aħħar gwerra, Armageddon, se tibda. (Riv. 16:14, 16) Aħna nistgħu nkunu ċerti li dawn il-ġrajjiet dalwaqt se jiġru. Sa ma jibdew, ejja nkomplu nuru l-apprezzament tagħna għal Missierna tas-sema billi noqogħdu attenti għall-profeziji tal-Bibbja u ngħinu lil oħrajn jagħmlu bħalna. w23.08 13 ¶19-20
L-Erbgħa, 12 taʼ Novembru
“Ħa nkomplu nħobbu lil xulxin, għax l-imħabba hi minn Alla.”—1 Ġw. 4:7.
Meta l-appostlu Pawlu kien qed jitkellem dwar il-fidi, it-tama, u l-imħabba, hu qal li “l-akbar fosthom hi l-imħabba.” (1 Kor. 13:13) Pawlu għala qal dan il-kliem? Għax fil-futur mhux se jkollna bżonn il-fidi fil-wegħdi t’Alla għad-dinja l-ġdida għax l-affarijiet li qed nittamaw għalihom se jkunu ġraw. Imma l-imħabba għal Ġeħova u għan-nies dejjem se jkollna bżonnha. Fil-fatt, l-imħabba tagħna lejhom se tibqaʼ tikber. Ukoll, meta nħobbu lil xulxin inkunu qed nuru li aħna Kristjani veri. Ġesù qal lill-appostli: “Jekk tħobbu lil xulxin, kulħadd ikun jaf li intom dixxipli tiegħi.” (Ġw. 13:35) Barra minn hekk, meta nħobbu lil xulxin se nibqgħu magħqudin. Pawlu qal li l-imħabba hi “rabta perfetta li tgħaqqad.” (Kol. 3:14) L-appostlu Ġwanni kiteb lill-aħwa: “Min iħobb lil Alla għandu jħobb lil ħuh ukoll.” (1 Ġw. 4:21) Mela meta nħobbu lil xulxin nuru li nħobbu lil Alla. w23.11 8 ¶1, 3